nativity scene


Xi Links Importanti

Riflessjoni fuq
il-Qari tal-Quddies tal-Ħudd.

Il-Madonna Ġewwa Fatima.
Il-100 Anniversarju tad-Dehriet.

Matul din is-sena (2017) qed niċċelebraw il-mitt sena minn meta l-Madonna dehret għal sitt darbiet lil Lúcia Dos Santos u l-aħwa Francisco u Jacinta Marto f’Cova da Iria fil-Portugal.

Il-Madonna dehret għall-ewwel darba fit-13 ta’ Mejju 1917 għal sitt darbiet wara xulxin, kull 13 tax-xahar, sat-13 ta’ Ottubru, 1917. F’kull waħda mid-dehriet l-Madonna ħeġġet lit-tfal biex jgħidu r-Rużarju ta’ kuljum b’meditazzjoni fuq il-misteri ta’ Kristu.

l-Madonna kienet qalet lil Francisco u lil Jacinta li ma kellhomx jgħixu ħafna iżda jmutu f’qasir żmien. Lúcia kellha tibqa’ ħajja għal ħafna żmien biex tkompli jxerred u xxandar il-messaġġ li kienet ser tgħaddielhom matul id-dehriet.

Infatti, Francisco miet ta’ ħdax-il sena fl-1919 u Jacinta mietet fl-1920 fl-età ta’ 10 snin. Lúcia mietet fit-13 ta’ Frar, 2005 fl-età ta’ kważi 98 sena.

Niġu għat-tlett messaġġi tal-Madonna: semmiet ir-Russja b’isimha u qalet li jekk il-poplu ma jitlobx u ma jagħmilx penitenza, ir-Russja kellha tifrex il-qerq tagħha ma’ ħafna bnadi tad-dinja. Qalet ukoll li ħafna nies twajba ser jiġu maqtula u l-Papa se jkollu jbati ħafna. Talbet biex id-dinja u r-Russja jiġu kkonsagrati lill-Qalb bla Tebgħa tagħha u li fl-aħħar ir-Russja tikkonverti u l-Qalb Immakulata tagħha kienet ser tirbaħ u titrijonfa.

F’kull waħda mid-dehriet, il-Madonna ħeġġet ħafna biex il-poplu jgħid ir-Rużarju ta’ kuljum flimkien mal-meditazzjoni fuq il-misteri ta’ Binha Ġesù. Il-Madonna qalet li d-dinja ser tkun mifnija b’ħafna gwerer minħabba fin-numru kbir ta’ dnubiet li l-bniedem qed jagħmel u li qed iweġġhu lil Binha Ġesù.

Il-Madonna saħqet fuq il-bżonn spiss tal-parteċipazzjoni fil-Quddiesa, tat-Tqarbin Imqaddes, ta’ Adorazzjonijiet u talb quddiem Ġesù Sagramentat. Talbet li ssir ħafna penitenza u, meta lit-tfal uriethom għal ftit sekondi, il-fjammi u t-tbatijiet tal-infern, tathom it-talba li ngħidu f’kull posta tar-Rużarju: O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubitna, eħlisna min-nar tal-infern, ħu l-Ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.

Id-dehriet laħqu l-qofol tagħhom meta l-Madonna fl-aħħar dehra lit-tliet rgħajja, fit-13 ta’ Ottubru 1917 quddiem 70,000 ruħ minkejja x-xita qliel, talbet lit-tfal biex jibdew jgħidu r-Rużarju u jitolbu għall-paċi fid-dinja. F’daqqa waħda, ix-xita waqfet u x-xemx dehret iddur fuqha nfisha għal tlett darbiet. Ix-xemx tbaxxiet sew fuq il-poplu miġbur b’tali mod li l-ilma tax-xita niexef għal kollox. Tfejjqu diversi nies fil-folla li kienu morda.

Hekk kif intemm dan il-miraklu kbir, it-tlett itfal raw lil San Ġużepp ibierek lid-dinja b’Ġesù tarbija fi ħdanu. Il-Knisja approvat id-dehriet ta’ Fatima fl-1930.

Issa ġie mħabbar mill-Kummissjoni tal-kawżi tal-Qaddisin, li l-Papa Franġisku ser jgħolli għall-unur tal-altari liċ-ċkejknin Francisco u Jacinta nhar it-13 ta' Mejju. mmmmmm


Kitba ta' Noel Enriquez

Being developed