nativity scene


Xi Links Importanti

Artikoli Varji.


Artikoli f'din il-Faċċata:
  • 1. Storja Parrokkjali.
  • 2. Erba' Nisa tas-Sultan.
  • 3. Dimitri Mitropoulos.
  • 4. Kamartna Tista'
    Tgħallimna.


Kamartna Tista' Tgħallimna.

Qomt darba filgħodu kmieni u staqsejt lili nnifsi: x’inhu s-sigriet tas-suċċess fil-ħajja?
It-tweġiba sibtha fil-kamra tiegħi stess, fl-affarjiet ta’ madwari.

  • Ħarist lejn is-saqaf u stħajjiltu qed jgħidli .... immira fil-għoli.
  • Rajt it-tieqa li donnha bdiet tghidli .... iftaħli u tara x’għaddej fid-dinja.
  • Dort lejn il-bieb li qisu beda jgħidli .... iftaħni u oħroġ barra biex taħdem għall-iskop li għalih qed tgħix.
  • Stħajjilt li l-mera bdiet tkellimni, u tgħidli .... irrifletti sew qabel ma tgħid jew tagħmel xi ħaġa.
  • Ilmaħt l-arloġġ li beda jgħidli .... kull minuta hija prezzjuża, titlef ebda waħda minnha fix-xejn.
  • Rajt il-kalendarju mdendel li beda jkellimni wkoll u jgħidli .... fil-ħajja tiegħek kun up-to-date.
  • Il-fan li kelli mixgħul matul il-lejl wissini .... żomm biered u tisħonx għalxejn.
  • Fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, it-tapit kellimni wkoll u qalli .... inżel għarkobbtejk u itlob lill-Mulej.

Qed tinduna li l-istess affarjiet ta’ madwarek qed ikellmuk dwar kif tista’ tgħix tajjeb matul ħajtek? Kun sensittiv u ħares madwarek għax il-ħolqien jista’ jgħinek tersaq aktar viċin il-Mulej, kollu tjieba u ħniena.

Adattament: Noel Enriquez


Dati Importanti fl-Istorja tal-Parroċċa.

Il-Parroċċa ta' Birkirkara kienet diġa tiffunzjona fl-1360 mill-kappella ta' Santa Liena fil-limiti ta' l-Għargħar. Fl-1436, l-Isqof Mons. Senatore DeMello rrikonoxxiha bħala waħda mill-għaxar Parroċċi ta' Malta.

Fdallijiet ta' l-ewwel Parro&3267;ċa

Aktarx il-fdallijiet ta' l-ewwel Parroċċa

Picture of Pope Unbano VIII

Picture of Dun Filippo Borgia

Fil-5 ta' Diċembru 1630, il-Papa Urbanu VIII waqqaf il-Kolleġjata Elenjana permezz ta' Bolla Papali bl-isem "Sacri Apostolatus Ministerio". Dan kien fi żmien il-Kappillan ħabrieki Dun Filippu Borgia (1567-1649).
[Fuq ix-xellug il-Papa Urbanu VIII u fuq il-lemin Dun Filippo Borgia]


ritratt tal-Isqof Gori Mancini

It-tempju Elenjan ta' llum, mibni f'post aktar ċentrali ta' Birkirkara u akbar fid-daqs minn ta' qablu, hu r-raba' knisja parrokkjali li beda jinbena fl-1727, meta fis-27 t'April 1727, l-Isqof Gaspare Gori Mancini poġġa l-ewwel ġebla tal-maqdes wara li kien bierek il-pedamenti. Taħt l-ewwel ġebla tpoġġew midalja ta' Santa Liena kif ukoll l-ismijiet tal-Papa u l-Isqof ta' dak inhar.
[L-Isqof Fra Gaspare Gori Mancini]


ritratt tal-Kan. Dun Perin Borg

Fl-1771 twaqfet il-Fundazzjoni Perina. Din twaqfet mil-Kan. Dun Perin Borg. Permezz ta' din il-fundazzjoni sdiedu erbgħa kanonikati oħra. Dawk tal-Kantur, it-Tezorier, il-Penitenzier u t-Teologu.
[Kan. Dun Perin Borg]




Ritratt ta' L-Isqof Alferan

Ritratt ta' L-Isqof Labini

Meta wasal f'fażi li fih setgħu jsiru l-funzjonijiet sagri fid-19 ta' April l-istess sena, l-Isqof Alferan bierek il-maqdes. Kien fl-20 ta' Ottubru 1782, meta (ukoll kienet tlestiet il-koppla) l-Isqof fra Vincenzo Labini kkonsagra b'rit solenni t-tempju Elenjan taħt it-titlu ta' l-Imperatriċi Sant'Elena.
[L-Isqof Alferan fuq ix-xellug u L-Isqof Labini fuq il-lemin]


Picture of Pope Pius XII

Picture of the Basilika

Fil-18 ta' Jannar 1950, il-Papa Piju XII għolla dan it-tempju li fiħ jilqa' l-Kolleġġjata Elenjana, għall-unur ta' Bażilka Minuri bl-unuri kollha.
[Fuq ix-xellug il-Papa Piu XII u fuq il-lemin il-Basilika]



book for sale

book for sale

Għal aktar informazzjoni dwar l-istorja tal-Parroċċa u tal-Kolleġġjata nissuġerulkom takwistaw il-Ktieb "Birkirkara - Storja * Kolleġġjata * Knejjes Filjali". Kitba ta' Sal u Philip Xuereb, fotografija tal-Kan. Dun Pawl Gauci bil ko-ordinament ta' Paul Buhagiar. Għal aktar informazzjoni kkontatjaw l-Uffiċċju Parrokkjali.





L-Erba' Nisa tas-Sultan.

a king with his four wives

Żmien ilu kien hemm sultan li kellu erba’ nisa. L-aktar li kien iħobb kienet ir-raba’ waħda. Kien ifissidha, ilibbisha l-ifjen ħwejjeġ u jitmagħha l-aħjar ikel. Xejn ma kien jagħtiha ħlief l-isbaħ u l-aħjar. It-tielet waħda kien iħobbha ħafna. Kienet mara sabiħa u tgħidx kemm kien jiddandan magħha u juriha lid-dinjitarji ta’ pajjiżi ġirien. Madankollu kien jibża’ li xi darba għad tħallih biex tmur ma’ ħaddieħor. It-tieni mara kien iħobbha ħafna ukoll. Kien jafdaha ħafna u hi kellha qalba tajba u l-paċenzja tagħha lejn is-sultan kienet mingħajr limiti. Kull meta xi problema għolliet rasha, lilha l-ewwel li kien jgħid u minnha jistenna għajnuna f’waqtiet diffiċli. L-ewwel mara kienet tħobbu ħafna u kienet għamlet sehemha fit-tiswir tal-ġid u l-prosperità li kellu fis-saltna iżda s-sultan ma tantx kien jagħti kasha għad li kienet tħobbu daqs id-dawl t’għajnejha.

Jum wieħed faqqgħet sajjetta fil-bnazzi. Is-sultan ħakmietu marda gravi ħafna, fi ftit ġimgħat is-sultan kien ser iħalli din id-dinja. Għalhekk beda jhewden fuq il-ħajja lussuża li kellu u għad li għadda ħajtu ma’ erba’ nisa, issa kien ser ikun waħdu.

Għalhekk staqsa lir-raba’ mara: “L-aktar li nħobb lilek. Żejjintek bl-ifjen ħwejjeġ u tajtek l-aħjar attenzjoni. Issa li wasalt biex immut nitolbok tiġi miegħi biex iżżommli kumpanija.”

“Żgur li le”, qaltlu mfantsa filwaqt li telqet minn ħdejh b’imnieħirha mxammar bla sliem u bla kliem. Ir-risposta u l-attitudni tagħha ħasshom bħal xabla b’żewġt ixfar f’qalbu.

Is-sultan, mnikket għal aħħar, dar fuq it-tielet mara u lissnilha: “Ħabbejtek ħajti kollha. Issa ser immut, tiġi miegħi biex ikolli lil xi ħadd jakkumpanjani?”

“Le,” qaltlu b’deċiżżjoni. “Daqskemm hi sabiħa l-ħajja! Meta tmut int jien nerġa’ niżżewweġ.” Is-sultan telgħetlu għoqda fi griżmejh u ħassu jiksaħ u jistordi.

Imbagħad dar fuq it-tieni mara. “Dejjem għandek kont niġi f’waqtiet diffiċli u f’kull okkażżjoni sibtek ta’ wens għalija. Tiġi miegħi issa la sejjer fil-vjaġġ ta’ bla ritorn?”

“Jiddispjaċini. Din id-darba ma nistax ngħinek,” weġbitu t-tieni sieħba. L-aktar li nista’ nagħmel hu li niġi sa fuq il-qabar tiegħek.” Ir-risposta tagħha hassħa tolqtu daqs sajjetta.

F’dan il-mument instema’ leħen irqiq, “Jien niġi miegħek u nibqa’ qribek, tmur fejn tmur.” Is-sultan ħares u ħdejn friexu lemah lill-ewwel mara tiegħu.

Kienet tidher imdejqa u rqiqa ħafna, qisha qed tmut bil-ġuħ. Is-sultan ħassu jistejqer fi ħsibijietu. “Kien missni ħadt ħsiebek kif suppost meta kelli s-saħħa nagħmel hekk.” qal b’karba ta’ tnehida.

Jekk naħsbu ftit, aħna ilkoll għandna erba’ nisa f’ħajjitna. Ir-raba’ mara hi ġisimna. M’għandux x’jaqsam kemm nagħtu kasu u nfissduh f’ħajjitna, meta mmutu mhux ser jiġi magħna. It-tielet mara hija l-ġid, il-pożizzjoni u l-propjetà tagħna. Meta mmutu jispiċċaw ta’ ħaddieħor. It-tieni mara hija l-familjari u l-ħbieb tagħna. Ma għandux x’jaqsam kemm sibniehom qrib tagħna, l-aktar li jistgħu jagħmlu hu li jaslu b’xi bukkett fjuri sa fuq il-qabar tagħna.

Iżda l-ewwel mara tagħna hi ruħna, bosta drabi minsija fil-ġirja sfrenata għall-ġid, setgħa u pjaċiri. Madankollu r-ruħ hi l-unika li tiġi magħna, immorru fejn immorru. Għalhekk ħu ħsiebha, issa la għadek biċ-ċans.

Kitba ta' Noel Enriquez


Dimitri Mitropoulos
Direttur u l-Kompożitur Mużikali

Dimitri Mitropoulos

Id-direttur u l-kompożitur mużikali Dimitri Mitropoulos twieled f’Ateni l-Greċja fl-1896 u miet b’attakk tal-qalb ta’ 64 sena f’Milan fl-1960. Kien magħruf għall-memorja fotografika tiegħu u mhux l-ewwel darba li kien jidderiġi xogħlijiet sħah mingħajr noti mużikali.

F’Carnegie Hall, l-orkestra ta’ New York kienet lesta biex tibda tesegwixxi s-Seba’ Sinfonija ta’ Ludwig Van Beethoven quddiem teatru imballat. Id-direttur tal-orkestra, Dimitri Mitropoulos tela’ fuq il-podju, u wara pawsa qasira, beda jħabbat l-ewwel battuti tas-sinfonija famuża. F’daqqa waħda, poġġa l-bakketta fuq il-leġiju li kellu quddiemu, niżel minn fuq il-podju u daħal wara l-kwinti.

X’seta ġara? Kulħadd beda jispekula. Fis-sala qam storbju sħiħ – din ma kinitx orkestra ta’ dilettanti. Ħaġa bħal din qatt ma ġrat f’Carnegie Hall. L-ispettaturi, ħafna minnhom nies importanti kienu jafu sew lil Mitropoulous. Kien bniedem sempliċi, umli, paċenzjuż u magħruf għall-karità. Żgur ma kienx infixel. Tgħid ħassu ma jiflaħx?

Wara ftit minuti li dehru interminabbli, Mitropoulos reġa’ ħareġ fuq il-palk, tela’ fuq il-podju, sellem lin-nies bi tbissima bħallikieku ried jitlobhom skuża, qabad il-bakketta f’idejh u beda jħabbat is-sinfonija bil-ħeġġa u bil-passjoni tas-soltu. Kif spiċċa l-kunċert, is-sala splodiet f’ċapċip li jtarrax – kien kunċert tassew suċċess.

Il-ġurnalisti, kurjużi għall-aħħar bħan-nies kollha preżenti, resqu jiġru fuq id-direttur tal-orkestra biex jistaqsuh x’kien ġara fil-bidu tal-kunċert. B’sempliċità kbira weġibhom: “Għax kont insejt il-kuruna tar-Rużarju. Mingħajr il-kuruna tar-Rużarju nħossni ħafna bogħod minn Alla”.

Matul il-karriera tiegħu, Dimitri Mitropoulos qatt ma mexxa kunċert mingħajr il-kuruna tar-Rużarju fil-but! U int iżżomha l-kuruna fuqek?

Kitba ta' Noel Enriquez