nativity scene

Xi Links Importanti


Abraham


Mose'


Isaija


Eżekiel


Ġeremija


San Pawl


25 ta' Ottubru 2026.
It-30 Ħadd ta' matul is-sena. Sena A.
L-Imħabba ta' Alla u l-Imħabba tal-Peoxxmu.
.

L-ewwel Qari: Qari mill-Ktieb tal-Eżodu. Eż 22: 20-26.
Salm Responsorjali: Salm17(18): 2-3a. 3bċ-4. 47. 51ab.
It-tieni Qari: Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Tessalonkin. 1 Tess 1: 5ċ-10.
Vanġelu: Qari mill-Evanġelju skond San Mattew. Mt 22: 34-40.

Biex aktar tapprezzaw dawn ir-riflessjonijiet nissuġġerulkom taqraw is-siltiet indikati.

riflessjoni

Il-kittieba u l-għorrief tal-Liġi, li kienu mill-partit tal-Fariżej (jiġifieri dawk li kienu jistudjaw u jfissru l-liġi), dejjem insibuhom f’konflitti u f’nuqqas ta’ qbil ma’ Ġesù. Meta, semgħuh jagħlaq ħalq l-avversarji tagħhom, is-Sadduċej (Mt.22:22-33), ħadu l-okkażżjoni biex jippruvaw ‘iġarrbuh ’. Ta min jinnota li dan l-istess‘verb’, is-sinottiċi (Mt–Mk–Lq.), jużawh meta jirrakkuntaw mill-attivita tax-xitan kontra Ġesù (Mt4:1/Mk1:13/Lq4:2). B’dan id-dettal tiftaħ is-silta tal-Vanġelu tallum (Mt.22:34-30). Il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija BIEX IĠARRBU: "Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?" (vv.34-36).

Jesus abnd the pharesis

Dan l-għaref tal-liġi jersaq fuq Ġesu’, u jagħmillu mistoqsija, li min jaf kemm ħabblitlu moħħu. Din kienet tema’ ċentrali, li sikwit kienu jiġu mistoqsija u jiddiskutu l-imgħallmin (ir-rabbini) Lhud. Mill-kotba tal-‘Pentatewku’ (il-5 Kotba tal-Liġi) irnexxielhom jisiltu 613 –il kmandament. Dawn kienu jaqsmuhom fi tnejn, ‘248 pożittivi’ (x’għandek tagħmel) u ‘365 negattivi’ (x’magħndekx tagħmel ). Dawk ‘negattivi’ (365) kien in-numru ta’ ‘ligamenti ’, u dawk ‘posittivi ’ (248), kien in-numru ta’ ‘organi’, kif kienu jaħsbu li hemm fl-iskeletru tal-bniedem. Min dan ninnotaw, li l-ħsieb kien ġenwin, biex kull persuna tkun disposta u tingħata kumpletament għal Alla.

1) Taħqrux l-ARMLA u l-ILTIM......u ilqgħu lill-BARRANI......Fl-1 QARI tinqara is-silta mill-Ktieb ta’ l-Eżodu (22:20-26) . Dan il-qari huwa parti mill-“ktieb tal-patt” (Eż. 20:22-23:19), li jsegwi l-lista tal-Kmandamenti. Il-materjal f’dan il-ktieb huwa simili għal xi kodiċijiet legali tal-Lvant l-aktar famużi fosthom huwa l-Kodiċi ta’ Hammurabi (seklu 20 Q.K.). Il-kodiċi bibliku jidher li kien finalizzat ħabta tad-disa’ seklu Q.K. Il-qari tal-lum ġej minn taqsima tal-kodiċi li tittratta l-liġijiet tal-kondotta soċjali. Huma jdaħħlu etika soċjali bbażata fuq il-kompassjoni. Insibu enfasi li, I-ġustizzja astratta mhix biżżejjed, speċjalment għal dawk li huma żvantaġġati.

Il-Ligi ta’ Alla minquxa fit-Testment –il Qadim tagħti importanza lill-għemejjel ta’ ħniena u mħabba lejn il-proxxmu, l-aktar lejn dawk li, mgħandhomx minn jiddefendihom. Fis-silta tallum dawn huma simboleġġjati mill-Barrani, l-Iltim u l-Armla. Alla jwiegħed li jkun id-difensur ta’ dawk... li huma ċkejknin...u ...mwarba....

2) In-NISRANI.....jgħix bil-FIDI....u jkun ta’ EŻEMPJU....Ghat-2 QARI nisimgħu silta mill-1 Ittra ta’ Pawlu lit-Tessalonikin (1:5c-10). X’aktarx qegħdin naqraw mill-aktar kitba bikrija tat-Testment il-Ġdid, miktuba madwar 20 sena wara l-mewt ta’ Ġesu’. Mela din is-silta nistgħu nqisuha bħala l-eqdem dokument tat-Testment –il Ġdid, qabel il-kitba tal-Evanġelji. Pawlu wasal Tessalonika flimkien ma Silas fit-2 vjaġġ missjunarju (Atti 17:1-15). Hemm l-appostlu xandar l-Evanġelju kemm lill-Lhud kif ukoll lill-Griegi. Pawlu u Silas kellhom jitilqu ħesrem wara li xi Lhud li ma laqgħux il-kelma qajmu rvell kontra tagħhom. Pawlu kitbielhom din l-ittra minn Korinrtu, wara li wasslulu xi aħbarijiet inkwetanti ta’ tfixkil fil-komunita ta’ Tessalonika.

Pawlu, qabel jibda biex jiddefendi l-ministeru u tagħlim tiegħu, jagħmel kuraġġ lill-insara ta’ Tessalonika biex ma jaqtgħux qalbhom, minkejja l-kliem ta’ twissija li se jiktbilhom. “Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ ta' l-Ispirtu s-Santu” (v:6). Mela veru li Pawlu xandrilhom il-Kelma imma kliemu ma kien jiswa xejn mingħajr il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Kien b’din il-Qawwa li l-Kelma ħadmet fihom u b’hekk saru mudell u eżempju għall-Insara ta’ diversi komunitajjiet oħra. “Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja” (v:7]. L-isbaħ ċertifikat li seta’ jfaħħarhom bih kien, għal-mod kif kibret fosthom il-fidi fil-Mulej Ġesù u xhieda erojka tagħhom,“....imma l-fidi li għandkom f'Alla xterdet ma' kullimkien b'mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn” (v:8b).

love of neighbour

3) ĦOBB......lill-ALLA.....u....lill-GĦAJREK..... Il-parti prinċipali tal-Vanġelu tallum hija, t-tweġiba għall-mistoqsija tal-għaref tal-ligi li pprova ‘jġarrab’ lill-Ġesù (vv:37-40) dwar l-akbar kmandament. Ġesù jwieġeb għal din id-diffikulta tal-kittieb, billi jikkwota u jgħaqqad, żewġ testi mill-Pentatewku. L-ewwel waħda mil-ktieb tad-Dewteronomju (6:5), u l-oħra mill-ktieb tal-Levitiku (19:18b). Huwa jgħaqqadhom fi kmandament wieħed. Qallu Ġesù: "Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, u b'moħħok kollu” . Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed . U it-tieni jixbhu: 'Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.' (vv:37-39).

Dawn il-kmandamenti juru t-tweġiba ta’ mħabba li aħna mistednin nagħtu lil Alla. Ġesù ma jpoġġix limiti għall-imħabba tagħna lejn Alla, u l-imħabba tagħna lejn il proxxmu għandha tkun daqs l-imħabba għalina nfusna. Ġesù jpoġġi mira għolja: irridu nħobbu lil ALLA u lill-PROXXMU mingħajr ma’ nistennew xejn lura. Ġesù jikkonkludi li l-Ligi u l-Profeti (v.40) jinġabru f’dawn iż-żewġ kmandamenti u għalhekk jekk ngħixu dan l-akbar kmandament inkunu qegħdin insegwu l-kmandamenti l-oħra kollha.

*** Santa Tereża ta’ Lisieux tgħid li: “l-imħabba lejn il-proxxmu hi t-termometru ta’ kemm inħobbu lil Alla”.

Leli Muscat
llimuscat@gmail.com




1 t' Novembru 2026.
Solenita tal-Qaddisin Kolla. Sena A.
Dejjem Għażlu lil Kristu Qabel Kollox
.

L-ewwel Qari: Qari mill-Ktieb ta' l-Apokalissi ta' San &]288;wann. Apok 7: 2-4. 9-14.
Salm Responsorjali: Salm(23)(24): 1-6.
It-tieni Qari: Qari mill-Ittra ta' San Pawl Ġwann Appostlu. 1 Ġw 3: 1-3.
Vanġelu: Qari mill-Evanġelju skond San Mattew. Mt 5: 1-12a.

Biex aktar tapprezzaw dawn ir-riflessjonijiet nissuġġerulkom taqraw is-siltiet indikati.

riflessjoni

Bħallum ħafna minna moħħna jaħseb fuq dawk il-qaddisin ikkanonizzati u li tagħhom nagħmlu l-festi matul is-sena liturġika. L-ebda qaddis ma kien għaddielu minn rasu li jaħdem biex ikun meqjum fuq l-artali meta kien qed jgħix fuq din l-art. Imma żgur li f’moħħhom kellhom l-għan li jgħixu l-imħabba ta’ Alla frott il-fidi ħajja bil-qawwa tal-magħmudija li daħlithom f’impenn li jagħtu xhieda għal Alla anke permezz ta’ ġisimhom u saħansitra fil-mewt!. U f’ħafna minnhom dan seħħ wara li ikkonvertew u raw li l-ħajja li kienu qed jgħixu ma kienx fiha valur aħħari. Il-qaddisin qatt ma bassru li l-immaġni tagħhom se jkunu mirqumin fi statwi jew mdendlin fuq xi tapizzerija fil-knejjes tagħna! U lanqas naħsbu li huma kellhom f’moħhom li partijiet minn ġisimhom jitqiesu bħala relikwiji fuq l-altari jew merfugħin fil-purċissjonijiet.

all saints

Il-Konċilju Vatikan it-Tieni, fid-dokument tiegħu dwar il-Knisja, kiteb kapitlu bl-isem “Is-Sejħa Universali għall-Qdusija.” Li hu żgur hu li kull bniedem hu min hu għandu xewqa profonda f’qalbu li jsir bniedem aħjar. F’dan id-dokument insibu: ‘Il-fidili ta' kull stat u ta' kull grad ta' ħajja huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità; din il-qdusija, ukoll f'din is-soċjetà fuq l-art, tagħti ħajja aktar umana. Biex jilħqu din il-perfezzjoni l-fidili għandhom jużaw il-forzi kollha li għandhom, kull wieħed skont il-qies li rċieva minn Kristu’. (Lumen Gentium par. 41)

Importanti li nkunu nafu min aħna u nkunu nafu kif għandna nġibu ruħna. Is-Solennità tal-Qaddisin Kollha tal-lum tfakkarna min aħna u kemm jista’ jkollna futur sabiħ. Hekk kif illum niċċelebraw il-qaddisin kollha—kemm dawk li ġew iddikjarati qaddisin kif ukoll dawk li ma nafux isimhom—nifirħu għax huma kollha laħqu l-għan tal-ħajja: il-ġenna. Huma jfakkruna nżommu ħarsitna ’l fuq, niftakru min aħna, u nagħrfu l-possibbiltà glorjuża li Alla joffrilna.

Bħala nsara din il-festa żgur li tfakkarna wkoll li Ġesù Kristu se jagħtina l-qawwa biex ilkoll kemm aħna ngħixu dak li wasal għandna permezz tal-Kelma tiegħu fil-vanġelu u ngħixuh b’konvinzjoni. Id-dokument msemmi jkompli hekk: ‘Waqt li jimxu fuq il-passi tiegħu (ta’ Kristu) u waqt li jsiru jixbhu iżjed lix-xbieha tieghu, huma jfittxu li jagħmlu r-rieda tal-Missier f'kollox u jagħtu ruħhom bil-qalb għall-glorja ta' Alla u l-qadi tal-proxxmu. B'hekk il-qdusija tal-poplu ta' Alla tikber u tagħti frott kotran bħalma l-istorja tal-Knisja turi b'mod l-iżjed ċar fil-ħajja ta' tant qaddisin.’ (Ibid. par. 41)

Fl-ewwel Qari naqraw biex l-anġli ma jagħmlux ħsara qabel ma jkunu stampaw “s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta’ Alla tagħna”. Aħna ingħatajna dan is-siġill permanenti li qatt ma jitħassar fil-Magħmudija u ikkonfermajnieh fil-Griżma tal-Isqof. Aħna lkoll nappartjienu lil Ġesù Kristu. Madankollu kulħadd, hu min hu u “kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien” hu msejjaħ għall-qdusija għax fis-sema insibu firxa universali ta’ nies minn kull nazzjon li huma maħsulin bid-demm tal-Ħaruf, Ġesù Kristu. Il-Knisja tgħallem hekk fuq dawk li f’ħajjithom ma kienux insara ;‘dawk li, bla ħtija tagħhom, ma jafux l-Evanġelju iżda jfittxu lil Alla sinċerament u bil-grazzja, jippruvaw jagħmlu r-rieda tiegħu kif jagħrfuha fil-kuxjenza, jistgħu jiksbu s-salvazzjoni. Dan ma jfissirx li jiġu salvati indipendentement minn Kristu’.

St Ignatius of Loyola

San Ġwann fit-tieni qari jitkellem dwar it-tama li għandu jkollna biex fid-dinja nibnu ħajjitna fuq dik l-imħabba li biha ħabbna Alla l-Missier għax b’hekk biss inkunu nistgħu nissejħu wlied Alla. It-tama fil-bniedem kultant timbena mill-programmi fuq il-midja soċjali u podcasts u programmi tat-TV li x’uħud iwarrbu għal kollox il-Kelma u t-Tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Il-papa emeritu Benedittu XVI jgħallem li ‘Min ikollu t-tama jgħix b’mod differenti’. Irridu inkunu differenti u nqajmu kurżità fl-oħrajn.Kultant aħna nibżgħu li nidhru differenti u konsistenti ma’ dak li nemmnu. Il-qaddisin dejjem ittamaw f’dak li wegħedhom s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu għax it-tama tagħmlek kapaċi tara d-dawl minkejja d-dalma kollha. Anke jekk inħarsu lejn il-Bibbja insibu li Mosè kien ibati b’diffikultà fit-taħdit, kien qatel wieħed eġizzjan u pprotesta meta Alla sejjaħlu’ Madankollu, mexxa lill-poplu tiegħu lejn l-Art Imwiegħda. Fl-Evanġelji, Pietru narawh impulsiv u ma jridx li l-Mulej ibati, iżda fl-Atti tal-Appostli narawh mibdul għal kollox: iqis bħala unur li jbati għall-Mulej. Induna li l-martirju jinbena fuq is-sens tas-Salib glorjuż. Interessanti li fl-Atti saħansitra d-dell ta’ Pietru kien ikun mezz ta’ fejqan (Atti 5:15) Iktar riċenti insibu li l-Kurat ta’ Ars kien isibha diffiċli biex jistudja fis-seminarju. Iżda tant kienu l-pellegrini li marru Ars biex iqerru għandu, li sal-1855 kien hemm servizz ta’ kuljum ta’ żewġ karozzi miġbudin miż-żwiemel bejn Lyon u Ars u żewġ karozzi oħra kienu jiltaqgħu mal-ferrovija minn Pariġi f’Villefranche għal dan l-għan!

Il-qaddisin jagħmlulna kuraġġ fil-ġlidiet tagħna, għax huma wkoll għaddew minn ġlidiet. Huma kibru minn qawwa għal oħra u mmaturaw fil-Mulej hekk kif għaddew is-snin. Santu Wistin u San Injazju ta’ Loyola għexu ħajja mqallba f’żogħżithom; wieħed kien influenzat mill-imġieba laxka ta’ sħabu u l-ieħor kien saħansitra arrestat u miġjub quddiem il-ġustizzja minħabba reati ta’ bil-lejl li kienu skandalużi. Imma l-ġid li għamlu għall-Knisja wara kien fenominali. Biżżejjed ngħidu li l-influwenza ta’ Santu Wistin fuq il-Knisja hija tant qawwija li fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika hemm aktar kwotazzjonijiet minn Santu Wistin milli minn kwalunkwe awtur ieħor. Filwaqt li San Injazju ta’ Loyola, wara l-konverżjoni tiegħu żviluppa r-regoli għad-dixxerniment tal-ispirti u waqqaf is-Soċjetà ta’ Ġesù.

Santu Wistin

Kull wieħed u waħda minna għandu fina, f’dan il-mument stess, il-qawwa ta’ Alla. Ġesù fl-evanġelju jfakkar dan billi jippreżentalna l-beatitudni. L-unika ħaġa li żżommna milli ngħixu l-qawwa ta’ Alla hija li ħafna minna ma nafux li għandna din il-qawwa. Ġesù fl-evanġelju jagħtina linja gwida kif ngħixu ħajja qaddisa. F’dinja fejn is-sinjuri jista’ jkollhom li jridu u jagħmlu triq fil-baħar, Ġesù jwiddibna iktar irridu nagħtu każ x’tip ta’ nies aħna fejn ngħixu l-empatija u nħossu l-miżerja, l-uġigħ u n-niket tal-oħrajn. Inwieġbu b’simpatija, b’kompassjoni, tjubija u għajnuna konkreta, San Franġisk de Sales kien jgħid li tista’ taqbad aktar dubbien b’mgħarfa zokkor milli b’barmil ħall. Fil-ħsieb ta’ Ġesù m’hemm assolutament l-ebda post għall-buli u għall-ibbuljar. L-uniku poter u status li tassew għandna bżonn huwa li nkomplu ngħixu skont it-triq ta’ Alla u nagħmlu dak li hu sewwa. Insibu aktar sodisfazzjon u kuntentizza meta ngħixu b’kuxjenza safja milli meta noqogħdu ma’ dawk li għandhom il-poter u l-influwenza u ma’ dawk li jixtiequ jsiru bħalhom f’din id-dinja. Ġesù jfakkarna li l-ġentilezza mhijiex dgħufija, iżda forma ta’ qawwa fejn il-ħniena għall-oħrajn tissarraf fil-kapaċità li naħfru. Kemm naraw reklami dwar snien bojod, għajnejn ileqqu, eye brows artifiċjali li jsebbħu l-wiċċ, ġilda bla tbajja u dwiefer sbieħ artifiċjali. Ġesù jgħallimna li l-ikbar sbuħija trid tkun dik ġo qalbna għax mill-qalb joħorġu l-ħsibijiet, il-kliem u l-għemil kollu tagħna. Irridu nkunu strumenti tal-paċi. Fi kliem ieħor Ġesù jħeġġiġna li henjin huma dawk li jxerrdu l-ftehim fost in-nies, dawk li jilqgħu lill-barranin u dawk li jaħdmu għal soċjetà aktar ġusta u ugwali. Dawn huma tassew ulied Alla. Verament għandna għalfejn nifirħu jekk nisimgħu u nwettqu dak li jiggwidana bih Ġesù għax ħlasna tkun il-ġenna.

Charles Spiteri
charliespiteri@gmail.com




8 ta' Novembru 2026.
It-32 Ħadd ta' matul is-sena. Sena A.
Bl-Imsiebaħ Mixgħula.
.

L-ewwel Qari: Qari mill-Ktieb tal-Għerf. Għerf 6: 12-16.
Salm Responsorjali: Salm(62)(63): 2. 3-4. 5-6. 7-8.
It-tieni Qari: Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Tessalonkin. 1 Tess 4: 13-18.
Vanġelu: Qari mill-Evanġelju skond San Mattew. Mt 25: 1-13.

Biex aktar tapprezzaw dawn ir-riflessjonijiet nissuġġerulkom taqraw is-siltiet indikati.

riflessjoni

IL-KELMA:
Għall-poplu tal-qedem l-għerf kien aqwa mill-ġmiel, mill-ġid u mis-saħa u kellhom rispett u stima kbira lejn dawk li jinsġu l-proverbji, l-poeżiji u l-għanjiet. Kellhom apprezzament kbir għal riflessjonijiet dwar il-ħajja u l-mewt, il-ferħ u n-niket, it-tajjeb u l-ħażin u dak kollu li jagħġen il-ħajja tal-bniedem. Mill-aspett bibliku b'għerf aktar nifhmu direzzjoni tajba morali milli għerf ta' xjenza jew għerf legali. L-għaref veru f'għajnejn il-Lhud kien dak li kapaċi jgħix ħajja ta' moralita għolja u għalhekk kapaċi jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin. L-għaref veru kellu l-kapaċita li jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu, ir-rabja, l-għira, l-kburija u s-suppervja, l-ġibdiet sesswali u jgħix ħajja ta' modesta u onesta.

Il-ħasra hi li hemm aktar minn tip ta' għerf wieħed - l-għerf t'Alla u l-għerf tad-dinja. L-għerf t'Alla mhux kompatibbli ma' dak tad-dinja li fil-verita hu l-aġenda tal-ħażen. Fil-ktieb tal-Ġenesi nsibu s-serp, l-aktar kreatura stuża u makakka, li tqarraq b'Adam u Eva u dan jagħmlu preċiżament billi jinqeda bil-għerf u jgħidilhom li jekk jieklu mis-siġra jinfethulhom għajnejhom u jsiru bħal l-allat u jsiru jafu t-tajjeb u l-ħażin. U malajr intebħu li ġew imqarqa. L-għerf t'Alla jagħti l-paċi u s-serenita iżda l-għerf tad-dinja jġib il-firda għax iwassal biex jifred lil bniedem mill-ħallieq tiegħu. Il-bniedem għaref għalhekk huwa dak li għandu l-biża' t'Alla u għalhekk jitwarrab mill-ħażen. L-għerf huwa rigal imprezzabli li Alla jagħti lil dawk li jixxenqu għalih u jfittxuh. Fis-salm imbagħad is-salmista jixxennaq għal Alla u jbakkar lejn it-tempju li hu l-post fejn jgħammar Alla. Min ifittex lil Alla jfittex l-għerf u Alla jagħtih l-għerf li jgħinu jsib il-paċi f'ħajtu. Min ikollu lil Alla f'ħajtu ma jonqsu xejn. Fit-tieni qari mill-Ewwel ittra ta' Pawlu lit-Tessalonkin, Pawlu jkompli jwieġeb għad diffikulta tat-Tessalonkin dwar x'jiġri wara l-mewt. Is-suġġetti prinċipali ta' din l-ittra hu r-ritorn glorjuż ta' Sidna Ġesu' u l-qawmien għal ħajja ta' dejjem. Dawn it-Tessalonkin kienu nies ta' fidi vera u jgħixu bit-tama li jiltaqgħu ma' Ġesu' fl-aħħar jum. Min igħix b'dan il-mod igħix il-fidi tiegħu b'mod awtentiku. Issa dawn it-Tessalonkin kellhom l-ideja żbaljata li t-tieni miġja ta' Ġesu' kienet iminenti u għalhekk kienu mnikkta għax xi wħud minnhom laħqu mietu mingħajr ma laħqu ltaqgħu ma Ġesu'. Għalhekk Pawlu jserhilhom rashom u jgħidilhom li lkoll kemm aħna għad niltaqgħu ma Ġesu', sew il-mejtin kif ukoll il-ħajjin u dan iseħħ fl-aħħar jum. Dawn it-Tessalonkin ħadnu l-għerf għax għixu ħajjithom mhux skond id-dinja iżda skond l-Ispirtu, f'kelma waħda skond ir-rieda t'Alla. U fl-aħħar niġu għal evanġelju, fejn għandna l-għerf u l-għaqal fuq naħa u l-bluħa fuq oħra. Il-boloħ ikkuntentaw bil-musbieħ mixgħul u ma ħasbux għal meta jintefa', fil-waqt li l-għaqlin ħasbu għaż-żejt sabiex meta jintefa l-musbieħ jerġgħu jixeluh u hekk ikunu fid-dawl. Il-boloħ huma dawk li ma jgħixux ħajjithom bil-fidi fil-waqt li l-għaqlin huma dawk li jgħixu bil-fidi. Ta' l-ewwel igħixu skond id-dinja, il-llum hawn u għada ħadd ma raħ, fil-waqt li l-għaqlin huma dawk li jgħixu skond il-fidi bit-tama li għad jiltaqgħu ma Ġesu' fl-aħħar jum. X'differenza ĦSIEB: Wieħed jasal fid-destinazzjoni tiegħu permezz tad-dawl, fid-dlam ma tarax timxi. Id-dawl huwa l-għerf t'Alla li jwassalna fis-sema pajjiżna fejn niltaqgħu u ngħixu l-eternita ma' l-Għarus - Kristu Ġesu'. Permezz ta' l-għerf ngħarfu niddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin u bil-qawwa ta' l-ispirtu nwarbu l-ħażin u ngħixu t-tajjeb. U għalhekk, ħabib tiegħi, jien nistaqsi: • * Qed tgħix skond ir-rieda t'Alla? L-għażliet u d-deċizjonijiet li tieħu qed toħodhom fid-dawl ta' dak li hu tajjeb u ħażin, jew tagħmel dak li jfettillek u kollok kompromessi. Jew m'Alla jew max-xitan. Il-musbieħ li jwassal lil bniedem għad destinazzjoni huwa l-għerf ta' Alla. Fittxu ħabib u jkun hu li jsibek. Kuraġġ. Charles Debono. debono.charles@gmail.com

Chrles Debono.
debono.charles@gmail.com




24 ta' Ottubru 2026.
Ħadd ta' matul is-sena. Sena A.

.

L-ewwel Qari: Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija. Is
Salm Responsorjali: Salm
It-tieni Qari: Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Tessalonkin.
Vanġelu: Qari mill-Evanġelju skond San Mattew. Mt

Biex aktar tapprezzaw dawn ir-riflessjonijiet nissuġġerulkom taqraw is-siltiet indikati.

riflessjoni

Charles Debono
debono.charles@gmail.com




Painting - San George Preca

San Ġorġ Preca


Talba lil San Ġorġ Preca

O Alla inti sejjaħ, lis-saċerdot tiegħek għall-ministeru ta'
l-Evanġelizzazzjoni, agħtina nitolbuk li mħeġġin bil-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll naħdmu bla heda
għas-saħħa tad-dinja u nħabirku biex jitkattar l-għadd ta'dawk li jemmnu. Bi Kristu Sidna. Amen


Saint Matthew

San Mattew


Saint Mark

San Mark


Saint Luke

San Luqa


Saint John

San Ġwann