statue of Saint Helen

Lis-Statwa ta' Sant'Elena Imperatrici Awgusta. [Skultur Salvu Psaila]


Antifona

Fethet idha mal-fqir
meddet idejha lejn
l-imsejken
u l-ħobż ma kilitux
ma tagħmel xejn

L-Erba' Nisa tas-Sultan.

a king with his four wives

Żmien ilu kien hemm sultan li kellu erba’ nisa. L-aktar li kien iħobb kienet ir-raba’ waħda. Kien ifissidha, ilibbisha l-ifjen ħwejjeġ u jitmagħha l-aħjar ikel. Xejn ma kien jagħtiha ħlief l-isbaħ u l-aħjar. It-tielet waħda kien iħobbha ħafna. Kienet mara sabiħa u tgħidx kemm kien jiddandan magħha u juriha lid-dinjitarji ta’ pajjiżi ġirien. Madankollu kien jibża’ li xi darba għad tħallih biex tmur ma’ ħaddieħor. It-tieni mara kien iħobbha ħafna ukoll. Kien jafdaha ħafna u hi kellha qalba tajba u l-paċenzja tagħha lejn is-sultan kienet mingħajr limiti. Kull meta xi problema għolliet rasha, lilha l-ewwel li kien jgħid u minnha jistenna għajnuna f’waqtiet diffiċli. L-ewwel mara kienet tħobbu ħafna u kienet għamlet sehemha fit-tiswir tal-ġid u l-prosperità li kellu fis-saltna iżda s-sultan ma tantx kien jagħti kasha għad li kienet tħobbu daqs id-dawl t’għajnejha.

Jum wieħed faqqgħet sajjetta fil-bnazzi. Is-sultan ħakmietu marda gravi ħafna, fi ftit ġimgħat is-sultan kien ser iħalli din id-dinja. Għalhekk beda jhewden fuq il-ħajja lussuża li kellu u għad li għadda ħajtu ma’ erba’ nisa, issa kien ser ikun waħdu.

Għalhekk staqsa lir-raba’ mara: “L-aktar li nħobb lilek. Żejjintek bl-ifjen ħwejjeġ u tajtek l-aħjar attenzjoni. Issa li wasalt biex immut nitolbok tiġi miegħi biex iżżommli kumpanija.”

“Żgur li le”, qaltlu mfantsa filwaqt li telqet minn ħdejh b’imnieħirha mxammar bla sliem u bla kliem. Ir-risposta u l-attitudni tagħha ħasshom bħal xabla b’żewġt ixfar f’qalbu.

Is-sultan, mnikket għal aħħar, dar fuq it-tielet mara u lissnilha: “Ħabbejtek ħajti kollha. Issa ser immut, tiġi miegħi biex ikolli lil xi ħadd jakkumpanjani?”

“Le,” qaltlu b’deċiżżjoni. “Daqskemm hi sabiħa l-ħajja! Meta tmut int jien nerġa’ niżżewweġ.” Is-sultan telgħetlu għoqda fi griżmejh u ħassu jiksaħ u jistordi.

Imbagħad dar fuq it-tieni mara. “Dejjem għandek kont niġi f’waqtiet diffiċli u f’kull okkażżjoni sibtek ta’ wens għalija. Tiġi miegħi issa la sejjer fil-vjaġġ ta’ bla ritorn?”

“Jiddispjaċini. Din id-darba ma nistax ngħinek,” weġbitu t-tieni sieħba. L-aktar li nista’ nagħmel hu li niġi sa fuq il-qabar tiegħek.” Ir-risposta tagħha hassħa tolqtu daqs sajjetta.

F’dan il-mument instema’ leħen irqiq, “Jien niġi miegħek u nibqa’ qribek, tmur fejn tmur.” Is-sultan ħares u ħdejn friexu lemah lill-ewwel mara tiegħu.

Kienet tidher imdejqa u rqiqa ħafna, qisha qed tmut bil-ġuħ. Is-sultan ħassu jistejqer fi ħsibijietu. “Kien missni ħadt ħsiebek kif suppost meta kelli s-saħħa nagħmel hekk.” qal b’karba ta’ tnehida.

Jekk naħsbu ftit, aħna ilkoll għandna erba’ nisa f’ħajjitna. Ir-raba’ mara hi ġisimna. M’għandux x’jaqsam kemm nagħtu kasu u nfissduh f’ħajjitna, meta mmutu mhux ser jiġi magħna. It-tielet mara hija l-ġid, il-pożizzjoni u l-propjetà tagħna. Meta mmutu jispiċċaw ta’ ħaddieħor. It-tieni mara hija l-familjari u l-ħbieb tagħna. Ma għandux x’jaqsam kemm sibniehom qrib tagħna, l-aktar li jistgħu jagħmlu hu li jaslu b’xi bukkett fjuri sa fuq il-qabar tagħna.

Iżda l-ewwel mara tagħna hi ruħna, bosta drabi minsija fil-ġirja sfrenata għall-ġid, setgħa u pjaċiri. Madankollu r-ruħ hi l-unika li tiġi magħna, immorru fejn immorru. Għalhekk ħu ħsiebha, issa la għadek biċ-ċans.

Il-Madonna Ġewwa Fatima.

Il-100 Anniversarju tad-Dehriet.

Matul din is-sena qed niċċelebraw il-mitt sena minn meta l-Madonna dehret għal sitt darbiet lil Lúcia Dos Santos u l-aħwa Francisco u Jacinta Marto f’Cova da Iria fil-Portugal.

Il-Madonna dehret għall-ewwel darba fit-13 ta’ Mejju 1917 għal sitt darbiet wara xulxin, kull 13 tax-xahar, sat-13 ta’ Ottubru, 1917. F’kull waħda mid-dehriet l-Madonna ħeġġet lit-tfal biex jgħidu r-Rużarju ta’ kuljum b’meditazzjoni fuq il-misteri ta’ Kristu.

l-Madonna kienet qalet lil Francisco u lil Jacinta li ma kellhomx jgħixu ħafna iżda jmutu f’qasir żmien. Lúcia kellha tibqa’ ħajja għal ħafna żmien biex tkompli jxerred u xxandar il-messaġġ li kienet ser tgħaddielhom matul id-dehriet.

Infatti, Francisco miet ta’ ħdax-il sena fl-1919 u Jacinta mietet fl-1920 fl-età ta’ 10 snin. Lúcia mietet fit-13 ta’ Frar, 2005 fl-età ta’ kważi 98 sena.

Niġu għat-tlett messaġġi tal-Madonna: semmiet ir-Russja b’isimha u qalet li jekk il-poplu ma jitlobx u ma jagħmilx penitenza, ir-Russja kellha tifrex il-qerq tagħha ma’ ħafna bnadi tad-dinja. Qalet ukoll li ħafna nies twajba ser jiġu maqtula u l-Papa se jkollu jbati ħafna. Talbet biex id-dinja u r-Russja jiġu kkonsagrati lill-Qalb bla Tebgħa tagħha u li fl-aħħar ir-Russja tikkonverti u l-Qalb Immakulata tagħha kienet ser tirbaħ u titrijonfa.

F’kull waħda mid-dehriet, il-Madonna ħeġġet ħafna biex il-poplu jgħid ir-Rużarju ta’ kuljum flimkien mal-meditazzjoni fuq il-misteri ta’ Binha Ġesù. Il-Madonna qalet li d-dinja ser tkun mifnija b’ħafna gwerer minħabba fin-numru kbir ta’ dnubiet li l-bniedem qed jagħmel u li qed iweġġhu lil Binha Ġesù.

Il-Madonna saħqet fuq il-bżonn spiss tal-parteċipazzjoni fil-Quddiesa, tat-Tqarbin Imqaddes, ta’ Adorazzjonijiet u talb quddiem Ġesù Sagramentat. Talbet li ssir ħafna penitenza u, meta lit-tfal uriethom għal ftit sekondi, il-fjammi u t-tbatijiet tal-infern, tathom it-talba li ngħidu f’kull posta tar-Rużarju: O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubitna, eħlisna min-nar tal-infern, ħu l-Ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek.

Id-dehriet laħqu l-qofol tagħhom meta l-Madonna fl-aħħar dehra lit-tliet rgħajja, fit-13 ta’ Ottubru 1917 quddiem 70,000 ruħ minkejja x-xita qliel, talbet lit-tfal biex jibdew jgħidu r-Rużarju u jitolbu għall-paċi fid-dinja. F’daqqa waħda, ix-xita waqfet u x-xemx dehret iddur fuqha nfisha għal tlett darbiet. Ix-xemx tbaxxiet sew fuq il-poplu miġbur b’tali mod li l-ilma tax-xita niexef għal kollox. Tfejjqu diversi nies fil-folla li kienu morda.

Hekk kif intemm dan il-miraklu kbir, it-tlett itfal raw lil San Ġużepp ibierek lid-dinja b’Ġesù tarbija fi ħdanu. Il-Knisja approvat id-dehriet ta’ Fatima fl-1930.

Issa ġie mħabbar mill-Kummissjoni tal-kawżi tal-Qaddisin, li l-Papa Franġisku ser jgħolli għall-unur tal-altari liċ-ċkejknin Francisco u Jacinta nhar it-13 ta' Mejju. mmmmmm


Kitba ta' Noel Enriquez

Dimitri Mitropoulos

Direttur u l-Kompożitur Mużikali

Dimitri Mitropoulos

Id-direttur u l-kompożitur mużikali Dimitri Mitropoulos twieled f’Ateni l-Greċja fl-1896 u miet b’attakk tal-qalb ta’ 64 sena f’Milan fl-1960. Kien magħruf għall-memorja fotografika tiegħu u mhux l-ewwel darba li kien jidderiġi xogħlijiet sħah mingħajr noti mużikali.

F’Carnegie Hall, l-orkestra ta’ New York kienet lesta biex tibda tesegwixxi s-Seba’ Sinfonija ta’ Ludwig Van Beethoven quddiem teatru imballat. Id-direttur tal-orkestra, Dimitri Mitropoulos tela’ fuq il-podju, u wara pawsa qasira, beda jħabbat l-ewwel battuti tas-sinfonija famuża. F’daqqa waħda, poġġa l-bakketta fuq il-leġiju li kellu quddiemu, niżel minn fuq il-podju u daħal wara l-kwinti.

X’seta ġara? Kulħadd beda jispekula. Fis-sala qam storbju sħiħ – din ma kinitx orkestra ta’ dilettanti. Ħaġa bħal din qatt ma ġrat f’Carnegie Hall. L-ispettaturi, ħafna minnhom nies importanti kienu jafu sew lil Mitropoulous. Kien bniedem sempliċi, umli, paċenzjuż u magħruf għall-karità. Żgur ma kienx infixel. Tgħid ħassu ma jiflaħx?

Wara ftit minuti li dehru interminabbli, Mitropoulos reġa’ ħareġ fuq il-palk, tela’ fuq il-podju, sellem lin-nies bi tbissima bħallikieku ried jitlobhom skuża, qabad il-bakketta f’idejh u beda jħabbat is-sinfonija bil-ħeġġa u bil-passjoni tas-soltu. Kif spiċċa l-kunċert, is-sala splodiet f’ċapċip li jtarrax – kien kunċert tassew suċċess.

Il-ġurnalisti, kurjużi għall-aħħar bħan-nies kollha preżenti, resqu jiġru fuq id-direttur tal-orkestra biex jistaqsuh x’kien ġara fil-bidu tal-kunċert. B’sempliċità kbira weġibhom: “Għax kont insejt il-kuruna tar-Rużarju. Mingħajr il-kuruna tar-Rużarju nħossni ħafna bogħod minn Alla”.

Matul il-karriera tiegħu, Dimitri Mitropoulos qatt ma mexxa kunċert mingħajr il-kuruna tar-Rużarju fil-but! U int iżżomha l-kuruna fuqek?