statue of Saint Helen

Lis-Statwa ta' Sant'Elena Imperatrici Awgusta. [Skultur Salvu Psaila]


Antifona

Fethet idha mal-fqir
meddet idejha lejn
l-imsejken
u l-ħobż ma kilitux
ma tagħmel xejn

Misericordiae Vultus.

picture of Pope Francis

Il-Papa Franġisku, nhar il-11 ta’ April ta’ din is-sena ħabbar li bejn is-sena 2015 u 2016 ser iniedi sena importanti fil-Knisja Kattiloka. Sena mimlija barka mill-Mulej Ġesù li huwa kollu ħniena u mogħdrija għalina l-bnedmin. Sena ta’ Ġublew straaordinarju tal-Ħniena fejn kull nisrani huwa msejjaħ sabiex iduq il-ħniena u t-tjieba ta’ Alla l-Imbierek, li huwa ta’ gost għalih li jkun mal-bniedem.

X’inhu l-iskop ta’ din is-sena?

L-istedina tal-Papa Fran&289;isku hija ċara: sabiex kull nisrani jikkontempla l-ħniena ta’ Alla. Ħniena li turi l-misteru tat-Trinità Qaddisa, l-aqwa u l-ogħla att li bih Alla jiġi jiltaqa’ magħna, hi t-triq li ssieħeb lill-bniedem ma’ Alla għax tiftaħ il-qalb għat-tama li aħna maħbuba għal dejjem minkejja l-limiti tad-dnub tagħna. Dan ser ikun żmien fejn il-Knisja tissaħħaħ u bl-eżempju turi xhieda konkreta lil dawk li jemmnu.

X’tgħidilna l-Bibbja fuq il-Ħniena.

Fl-iskrittura Mqaddsa l-kelma ħniena hija l-muftieħ biex nifhmu kif jaħdem Alla magħna bħala l-poplu tiegħu. Fit-Testment il-Qadim spiss niltaqgħu mal-espressjoni li “Alla Jistabar u Jħenn” u skont il-Papa din hija n-natura ta’ Alla. Li hu ħanin u ta’ qalb tajba. Is-Salmista, f’Salm 203 juri li l-ħniena ta’ Alla hi infinita u bla limitu. Huwa Alla li jaħfer iddnubiet tagħna kollha, li jfejjaq il-mard spiritwali tagħna u li jsalva. Alla l-imbierek jeħles lill-poplu tiegħu mill-ħakmiet ta’ ħażen li ġejjin mill-prinċep ta’ din id-dinja, hu li “jeħles lil-limjassrin,...jiftaħ Għajnejn l-għomja...jerfa’ lill-milwijin...iħobb il-ġusti...ifejjaq lil dawk li għandhom qalbhom maqsuma” (Salm 146). Forsi wieħed jistaqsi...Kemm ser idum jaħfirli Alla? Il-Kelma tiegħu tgħidilna, “Għal dejjem il-ħniena tiegħu” (Salm 136).

“Alla huwa mħabba” hekk insibu fl-Ittra ta’ Ġwanni u allura wiegħed dejjem jistenna lilna sabiex induqu mit-tjubija tal-ħniena tiegħu. Jekk wieħed jikkontempla l-vanġelu waħdu jiskopri li f’ħajtu Ġesù dejjem għażel li jkun ħanin u dan għamlu mhux biss bil-kliem imma bil-fatti saħansitra fuq is-salib lill-ħalliel it-tajjeb...”illejla tkun il-Ġenna miegħi”. Fil-ħajja kollha ta’ Gesà ma hemm xejn li fiha ma hemmx ħniena! (para 8).

Stedina

Il-Papa Franġisku qed jistedinna sabiex nagħmlu pellegrinaġġ partikulari...għax kif jistqarr hu stess hu ikona tal-mixja li kull persuna trid tagħmel f’ħajjitha (para 14). Franġisku ixebbaħ il-ħajja tagħna ma’ pellegrinaġġ fejn il-bniedem hu pellegrin li jterraq lejn iddestinazzjoni mixtieqa. Għalhekk il-Papa qed jistedinna sabiex inżuru l-Bieb Imqaddes f’Ruma u f’kull post ieħor magħżul mill-Knisja, sabiex kull nisrani jagħmel dan il-vjaġġ lejl il-qalba ta’ Alla li hija mimlija kollha ħniena. Il-Papa jgħidilna li dan il-pellegrinaġġ irid ikun stimolu lejn il-Konverżjoni, meta ngħaddu mill-Bieb Imqaddes jew mill-Bibien magħżulin mill-Isqfijiet tad-djoċesi, inħallu l-ħniena ta’ Alla tħaddanna magħha u nħabirku biex ahna wkoll nuru ħniena mal-oħrajn kif il-Missier juri magħna (para 14).

X’inhuwa l-Motto għal din is-sena?

F’paragrafu numru 14, il-Papa Franġisku jesprimi l-motto li jixtieq għal dan il-ġublew straordinarju tal- Ħ:niena “Ħanina bħall-Missier”. Għax skont Franġisku fil-ħniena għandna l-prova ta’ kemm iħobbna Alla. Huwa dejjem qiegħed hemm sabiex jiddefendina u sabiex ikun pront li jurina l-kobor tal-ħniena tiegħu kif jistqarr tajjeb l-appostlu tal-Ħniena Divina Santa Fawstina Kawalska, “intom erwieħ li tiddubitaw, jiena nneħħilkom minn quddiem għajnejkom il-velijiet tal-Ġenna sabiex nipperswadikom kemm hu twajjeb Alla, sabiex ma tkomplux iżjed tidorbu l-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesù bin-nuqqas ta’ fiduċja tagħkom. Alla hu Mħabba u ħniena” (mid-Djarju tagħha l-Ħniena Divina Ġewwa ruħi” par. 281).

Dati Importanti u postijiet magħżula mid-djoċesi tagħna għall-pellegrinaġġi.

Fil-Bolla Misericordieae Vultus hemm indikat meta tiftaħ is-sena tal-fidi kif ukoll linji gwida sabiex id-djoċesijiet jimxu fuqhom. Is-Sena Mqaddsa Fetħet nhar it-8 ta’ Diċembru 2015, dakinhar il-Papa Franġisku fetaħ il-Bieb Imqaddes li f’din l-okkażjoni straordinarja ser ikun il-Bieb tal-Ħniena, li kulmin jidħol minnu jkun jista’ jduq l-imħabba t’Alla li jfarraġ, li jaħfer u li jimla bit-tama Para 3).

Nhar it-13 ta’ Diċembru, fit-3 Ħadd tal-Avvent, il-Papa fetaħ il-Bieb Imqaddes fil-katidral ta’ Ruma, u dakinhar ukoll infetħu l-Bibien tal-Knejjes partikulari magħżulin mill-isqfijiet tal-post. F’Malta, dawn il-Postijiet huma l-Katidral tal-Imdina, is-Santwarju tal-Mellieħa kif ukoll il-Bieb tal-Oratorju tal-Kurċifiss li jagħti għax-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur.

Din is-sena Ġubilari se tagħlaq fis-solennità liturġika ta’ Ġesù Kristu Sid l-univers, nhar l-20 ta’ Novembru 2016 fejn dakinhar il-Papa jħeġġeġ li kull wieħed minna jkollu sens ta’ gratitudni u ta’ radd il-ħajr lejn it-Trinità Qaddisa għal dan iż-żmien straordinarju ta’ grazzja. Ix-xewqa tal-Papa hija li din is-sena tħalli l-frott mixtieq “ħalli s-snin ta’ wara jkunu mgħaddsa fil-ħniena biex tassew niltaqgħu ma’ kull persuna u nwasslulha t-tjieba t’Alla!” (para 5)

Prepostu/arċipriet Kan. Dun Vinċenz Cachia.