Biex Nikbru Lkoll Flimkien.
Għall-Lhud it-tempju ta’ Ġerusalemm kien iċ-ċentru u l-qofol ta’ kull qima u attività taghħom. It-tempju, lill-Lhud kien jagħtihom identità. Kemm-il-darba ġie distrut u mibni mill-ġdid.
L-ewwel kien hemm it-Tempju ta’ Salamun (1 Slaten:6) li nbena fis-sena 480Q.K. wara li l-Lhud ħarġu mill-Eġittu. Insibu anke bid-detal, il-qisien tiegħu. Sittin driegħ twil, għoxrin wiesa’ u tletin għoli. Anke nsibu li nbnew kmamar u sular fuq sular u nfetħu twieqi mal-ġnub tat-tempju u tal-korsija.
It-Tempju ta’ Salamun baqa’ jeżisti sal-ħakma ta’ Babilonja meta ġie imġarraf għal kollox fis-sena 586 Q.K. mis-sultan Nebuchadnezzar II.
It-Tempju reġa’ inbena fiż-żmien is-sultan Ċiru, (Esdra 1: 1-8) meta qabbad lill-gvernatur Żerubbabel jibnih wara li ħelsu mil-ħakma ta’ Babilonja. ėerubbabel reġa’ lura Ġerusalemm biex jibni t-tempju fis-sena 516 Q.K. billi bena l-artal tas-sagrifiċċju.
Hawn naraw li t-tempju kien minn dejjem fil-qalb tal-Lhud u xhieda tar-rabta tagħhom m’Alla. Ċiru s-Sultan, ġie mnebaħ minn Alla biex ikompli jibni t-tempju. Għalhekk għamel appell bil-miktub lill-Lhud kollha li minn jista’ jitla’ jgħin fil-bini tat-tempju u kien hemm ħafna li kkorispondew għal din is-sejħa saħansitra bl-għotjiet ta’ dehebijiet, fidded, bħejjem u ġid ieħor għax il-poplu kien dejjem jara t-tempju bħala simbolu ta’ l-għaqda tiegħu m’Alla.
Imbagħad fiż-żmien is-Sultan Dariju (Ħaggaj II :1-9) il-Mulej ħeġġeġ lis-Sultan biex jerġa’ jibni it-tempju tal-Mulej għax mhux sewwa li l-poplu għandu fejn jgħammar u Alla mgħandux. Dan kien fis-sena 520 Q.K.
Imbagħad Israel waqa’ taħt tlett saltniet, il-Persja, il-Greċja u anke Ruma, u matul dan iż-żmien it-tempju ta’ Ġerusalemm ġie attakkat u pprofanat kemm-il darba, imma fis-sena 20 Q.K. Erodi, li kien ir-re taħt ir-Rumani f’Israel, innegozja ftehim mal-kapijiet reliġjużi ta’ Israel biex jerġa jibni t-tempju ta Żerubbabel. U dan it-tempju kien tempju komplet bil-kompless tiegħu li kien mifrux fuq il Muntanja Moriah kollha. Għalkemm dan it-tempju kien meqjuż bħala l-aktar tempju kolossali ta’ l-ewwel seklu qabel Kristu, ma damx jezisti wisq ghax fis-sena 70 W.K., waqt assedju, ir-Rumani qerdu il-kumpless kollu.